/   realestate-finland.com   / Maltija  

2019-11-07 12:23:27

Thursday, November 7, 2019, 11:55

Il-Gozo Motorcross Association (GMA), bil-kolaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u l-Gozo Sports Board, organizzat it-tieni parti tal-ġemellaġġ bejn Għawdex u Sqallija, nhar il-Ħadd 3 ta’ Novembru, fit-trakka Ta’ Xħajma, bil-parteċipazzjoni ta’ sewwieqa Għawdxin, Maltin u oħrajn Sqallin. Wara s-success li kellhom is-sewwieqa Għawdxin fi Sqallija f’Mejju tal-2018, kien imiss lilhom biex jiġu fostna.

It-tlielaq kienu kompetittivi bil-kompetituri jissieltu għall-ewwel tliet postijiet. Il-kompetizzjonijiet bdew fis-1pm, segwiti minn numru kbir ta’ spettaturi li għażlu li jqattgħu l-ħin tagħhom f’ Ta’ Xħajma u jsegwu b’interess dak li kien ghaddej.

Minbarra Klassijiet A, B, Ċ u D, saret kompetizzjoni oħra tal-Veterani b’erba’ sewwieqa li xi darba jew oħra kienu sewwieqa tajbin, saħansitra anke ċampjins. Frank Xuereb, Mark Camilleri, Scott Donavan u Antonino Muscolino sewwieq Sqalli  ta’ 71 sena li għadu attiv ferm fl-isport tal-motocross fi Sqallija, kienu s-sewwieqa veterani li pparteċipaw f’din il-klassi. Xuereb rebaħ din is-sezzjoni segwit minn Muscolino u Mark Camilleri rispettivament.

F’dawn il-kompetizzjonijiet kien hemm ukoll Antoine Muscat u Mark Camilleri li huma żewġ sewwieqa ta’ 13 u 14-il sena rispettivament, Dan tal-aħħar iddebutta l-ewwel darba fit-trekk Ta’ Xħajma propju nhar il-Ħadd li għadda. Ukoll fi klassi D ħadu sehem żewġ sewwieqa femminili, il-Maltija Nicole Cutajar u l-Għawdxija Emma Xuereb. F’din il-klassi, fl-ewwel post daħal Michael Sant, segwit minn Steve Cassar u Mark Attard fit-tielet post.

Imbaghad fi klassi Ċ, Sylvan Caruana dahal fl-ewwel post. L-Isqalli Peppe Cernuto ġie fit-tieni post segwit minn Anthony Fenech li daħal fit-tielet post.

Sadanittant fil-kategorija B, Jorn Stellini sab ruħu fit-tielet post filwaqt li Robert Spiteri daħal fit-tieni post. Intant, din il- klassi ġiet mirbuħa minn Daniel Portelli. Imbaghad fi Klassi A, Kyle Camilleri akkwista l-ewwel post u warajh daħal Steve Xuereb segwit  minn Garry Debono.

Fl-aħħar tal-ġurnata il-President tal-GMA Frank Xuereb qassam trofej lis-sewwieqa rebbieħa, bis-sapport ukoll ta’ Galea General Services li rregala prodotti Ravenol Lubricants. Bħala tifkira ta’ dan il-ġemellaġġ, l-Isqallin ġew mogħtija wkoll statwi maħdumin apposta għall-okkazjoni bl-idejn minn Steve Xuereb.

Peppe Cernuto, koordinatur ta’ dan il-ġemellaġġ sportiv bejn iż-żewġ gzejjer faħħar l-organizzazjoni tal-GMA u wiegħed li se jibqa’ jinżamm kuntatt bejn Sqallija u Għawdex fil-futur. Il-president Xuereb awgura li dan jibqa jseħħ u filwaqt li wiegħed l-appoġġ kollu tiegħu, qal li dawn il-ġemellaġġi sportivi jagħmlu ġid kbir lill-atleti tagħna.

Il-GMA tħabbar li nhar il-Ħadd li ġej se jsir it-tieni rawnd mill-kampjonat Motocross f’Għawdex. It-tlielaq jibdew fis-1pm u l pubbliku huwa mħeġġeġ li jattendi u jagħti s-sapport tiegħu lil dan l-isport. F’dawn il-kompetizzjonijiet se jipparteċipa wkoll is-sewwieq Grieg Dimitris Keramidas, tliet darbiet ċampjin tal-Ewropa tal-Lvant, li se jkun qiegħed fostna biex jaqsam din l-esperjenza mas-sewwieqa tagħna.

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jżur il-paġna ta’ facebook fuq – https://www.facebook.com/gmagozo/?fref=ts


sportinmalta.com
sewwieqa sqallija tieni post minn xuereb bejn klassi parti ewwel daal motorsport



User comments